Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess  09/11/2018
Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess

L-Għaqda tal-Malti – Università qed tilqa’ espressjonijiet ta’ interess għall-kompilazzjoni, l-għażla, u l-editjar tal-materjal għall-pubblikazzjoni finali ta’ TAĦŻIŻ6, programm ta’ kitba kreattiva kkordinat mill-Għaqda tal-Malti, u kkummissjonat mill-Aġenzija Żgħażagħ.

Il-persuni interessati għandhom jiktbu lill-Għaqda tal-Malti (ghaqdatalmalti@gmail.com) sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Novembru 2018 u juru l-interess tagħhom b’ittra ta’ motivazzjoni u CV. Il-persuna magħżula għandu jkollha dawn il-kwalitajiet:
- Esperjenza fl-editjar, speċjalment ta’ kittieba żgħażagħ;
- Esperjenza fil-ħidma maż-żgħażagħ u mal-adulti żgħażagħ;
- Grad universitarju fil-letteratura, l-arti kreattiva, jew dixxiplini simili;
- Għarfien u tħaddim tajjeb tal-Malti;
- Ħiliet b’saħħtihom fit-tmexxija u fil-komunikazzjoni, u l-abbiltà li jaħdmu fi gruppi;
- Ħiliet b’saħħithom fl-organizzazzjoni u l-abbiltà li jaħdmu fuq l-inizjattiva tagħhom infushom.

Il-persuna magħżula mistennija taqdi dawn id-dmirijiet flimkien ma’ oħrajn li jaf jinqalgħu tul il-proċess ta’ editjar:
- Tikkompila l-kitbiet iġġenerati tul il-programm;
- Tagħżel l-aħjar siltiet għall-pubblikazzjoni;
- Tikkomunika mal-kordinaturi u l-kittieba żgħażagħ;
- Teditja l-manuskritt u tgħaddi suġġerimenti fejn meħtieġ;
- Tħejji l-manuskritt għas-settjar.

L-editjar irid isir fi żmien tajjeb sabiex il-pubblikazzjoni titnieda f’Diċembru 2018.